FROTT  ĦELU  -  Leħen il-Parroċċa ta’ Ħal Lija

 

Il-Kelma tal-Kappillan

Diġà għamilna stedina fil-ħarġa ta’ Settembru u ta’ Ottubru u ser nerġgħu  ntennu l-appell tagħna minn din il-paġna dwar l-Assemblea Parrokkjali. Hija laqgħa li matulha jiġi evalwat il-pjan pastorali tas-sena li tkun qed tispiċċa u jiġi diskuss pjan ġdid għas-sena li nkunu deħlin fiha.

 

Hawn min verament fehem xi tfisser u l-importanza tagħha; allura tarah jkun preżenti u jagħti s-sehem tiegħu fiha. Hawn min hu xettiku u għandu allerġija għal kull tip ta’ laqgħa u allura qatt ma jidher imkien f’okkażżjonijiet simili; hawn min irid jaħseb li dawn it-tip ta’ laqgħat huma intenzjonati biss għal min hu membru f’xi għaqda reliġjuza, allura jaħseb li din l-istedina ma tgħoddx għalih; u hawn min ukoll tant huwa indifferent li jinjora kompletament is-sejħa li ssirlu biex jagħti kontribut.

 

Ikun diffiċli ħafna għalija biex nemmen li nies bħal dawn tal-aħħar iħobbu tassew lis-Salvatur u l-ħidma pastorali li ssir fil-parroċċa tagħna ta’ Ħal Lija!

 

L-Assemblea Parrokkjali tagħti l-opportunita' lil kulħadd, hu min hu, biex jiġi u jsemma' leħnu, il-veduti tiegħu, il-kummenti tiegħu u saħansitra anke jekk għandu xi kritika kostruttiva x’jagħmel. Bħas-snin l-imgħoddija, l-bieb hu miftuħ għal kulħadd. Il-preżenza tiegħek tagħmel differenza. Le! Bik u mingħajrek mhux l-istess. 

 

Inħeġġek biex tagħmel nota minn issa ħalli fil-25 ta’ dan ix-xahar tkun preżenti ma’ sħabek tal-komunità parrokkjali fis-Sala Villa Lija fis-7.15 p.m.. U nħeġġek ukoll biex iżżommha fit-talb tiegħek.

Fr. David Gauci  -  Novembru 2011

MILL-KAPPELLA TAL-MIRAKLI  --  3 T'AWWISSU 2009

Flimkien - Ottubru 2009

Bi tħejjija għall-Viżta Pastorali ta' Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona fil-parroċċa tagħna, ntbagħtu xi uffiċċjali tal-Kurja sabiex iħejju diversi rapporti fuq l-istat tal-parroċċa.

Dawn l-uffiċċjali studjaw mhux biss l-aspetti spiritwali, liturġiċi u pastorali iżda wkoll eżaminaw l-istat li fih kienet tinsab il-propjeta` tal-parroċċa tagħna.

Għal dan il-għan il-Kurja bagħtet Health and Safety Inspector sabiex jispezzjona l-kondizzjoni u l-istat li fih tinsab il-knisja tal-Mirakli.

Mir-rapport ta’ dan l-Inspector jirriżulta li:

    ·  Kemm il-kampnar kif ukoll il-qniepen kellhom bżonn ta' tiswija u manutenzjoni

    ·  L-istallazzjoni tal-elettriku fuq il-bejt tal-knisja hija qadima u għandha bżonn tinbidel.
     

Wara li ġie studjat ir-rapport, il-Kappillan ħass li x-xogħol fuq id-dawl kellu jibda mill-aktar fis sabiex jiġi evitat kull perikolu possibbli.

Għalhekk ġie mqabbad engineer biex jagħmel rapport dettaljat ta' x'hemm bżonn isir, u f'isem il-parrocca, jieħu ħsieb li x-xogħol tad-dawl u t-tiswijiet neċessarji jitwettqu mill-aktar fis.

 

L-engineer ikkonferma li:

·  Il-wiring fuq il-bejt spiċċa u jinsab fi stat perikoluż;

·  Dehru ħsarat fil-bini, kemm fuq il-bejt kif ukoll fil-kampnar ikkawzati minn imsiemer u grampuni msadda li qasmu l-ġebla jew ikkaġunaw xpakkar u xi konsenturi;

·  It-travi ma xiex jiddendlu l-qniepen issaddu u qed jaqsmu l-bini, prinċipalment fil-kolonni tal-kampnar;

·  L-appoġġ tal-qniepen fuq il-bini tal-kampnar għandu jissaffa u jiġġedded. Dan jitlob li l-qniepen jinqalgħu mill-post u jinstallaw ruħhom mil-gdid;

·  Il-qniepen tal-arloġġ  għandhom bżonn tindifa;

·  L-imrietel tal-qniepen tal-arloġġ jinstabu ġġamjati u huma msadda ħafna.

 

Ghalhekk l-engineer irrakomanda li:

·  L-aktar ħaġa urġenti hija li tinbidel l-istallazzjoni tal-elettriku għal dak li jirrigwarda d-dawl fuq il-bejt. Dan ifisser illi is-sistema tad-dawl ta' fuq il-bejt għandha tinbidel għal kollox;

·  Għandha tiġi studjata wkoll sistema sabiex l-fustuni preżenti jaħlu inqas elettriku;

·  Għandhom isiru travi ġodda fil-kampnar biex fuqhom jistrieħu l-qniepen;

·  L-appoġġi tat-travi ġol-kampnar għandhom isiru b'mod tali li jiġi evitat sadid ġol-ġebla bir-riskju ta' qsim fil-gebla;

·  Il-qniepen u l-imrietel tal-arloġġi għandhom jiġu restawrati.

 

-- Il-kappillan talab lill-Kurja biex dan ix-xogħol jinbeda. Il-Kurja tat l-approvazzjoni tagħha.

-- Dan huwa biss l-ewwel stadju tax-xogħlijiet previsti fil-knisja tal-Mirakli.

-- Bħal dejjem, għandna bżonn il-ġenerożita` tagħkom sabiex dan ix-xogħol ikun jista' jitlesta.

 

Fr. Keith Bonnici
 

 -----------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

 

 Għoti tal-Ministeru ta' l-Akkolitat ...

  

 - Il-Ministeru ta’ l-Akkolitat huwa pass ieħor fil-formazzjoni tas-Seminaristi għas-saċerdozju.

 

 - Il-kelma ‘Akkolitu’ fil-Grieg tfisser xi ħadd li jimxi wara xi ħadd mill-qrib. Hu l-Mulej qed isejjah lil dawn is-seminaristi biex dejjem jersqu aktar lejH u issa b’mod sepċjali permezz ta’ l-Ewkaristija.

 

 - Fil-fatt l-akkolitu huwa msejjaħ biex jaqdi lill-qassis u lid-djaknu fuq l-artal u meta jkun hemm il-ħtiega jqarben kif ukoll jesponi u jirriponi l-Ewkaristija fit-tabernaklu. 

 

 - Nhar il-Ġimgha 21 ta’ Novembru ġewwa il-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan f' Ħal Qormi fis-6 ta’ filgħaxija ħames seminaristi fosthom is-seminarista Marc Andrè Camilleri mill-Parroċċa tagħna ħa jiġu istitwiti akkoliti minn idejn l-E.T. Mons. Arcisqof Pawlu Cremona.

 

Kulħadd huwa mistieden!

 

 James Azzopardi ...  

  

 

Il-Parroċċa ta’ Ħal Lija toffri dawn is-servizzi …

Adorazzjoni Perpetwa fil-Knisja ta’ Santa Marija ...

            Tkun għaddej minn hemm, tidħol tkellem ftit lil Ġesu`, u tħallih ikellmek?

Adorazzjoni fil-Parroċċa kull nhar ta’ Ħamis u fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar ...

            Meta l-aħħar li kont preżenti għalihom?

Direttorju Parrokkjali u Magazine ‘Flimkien’ f’kull familja ...

            Taqrahom regolarment?

Notice Boards mal-Knisja u mal-Knejjes  Filjali ...

            Tieqaf taqra dak li hemm fihom?

Isiru  Laqgħat ta’ Katekeżi mal-kbar kull xahar fil-Knisja l-Qadima tas-Salvatur ...

            Għadek tħoss il-bżonn li titgħallem ħalli tikber fil-fidi tiegħek?

 

www.lijaparish.com huwa l-indirizz tal-website ...

 

            Jekk għandek is-servizz ta’ l-internet dħalt f’din il-website?

 

 

Nemmen li tħobb tassew lis-Salvatur u lill-Parroċċa tiegħu ... u tiegħek, minn kemm tagħmel użu tajjeb minn dawn is-servizzi wkoll.

 

Website © 2004-2011 - Parroċċa Ħal Lija  

:: Lura għall-Home Page ::