L-Azzjoni Kattolika f'Ħal Lija ...

 

  Nistgħu ngħidu li l-Azzjoni Kattolika bidet sa mill-bidu tal-Knisja meta rġiel u nisa bdew jgħinu lill-Appostli fil-ħidma tagħhom. Iżda kien il-Papa Piju XI li waqqaf din l-Għaqda b’mod organizzat u llum nsibuha mxerrda mad-dinja kollha. Hawn Malta l-Azzjoni Kattolika twaqqfet fl-1930.

  Sa mill-1945 xi xebbiet zgħazagħ minn Hal Lija xtaqu joffru l-ħin liberu tagħhom ghall-ħidma ta’ l-appostolat. Bdew jattendu l-Azzjoni Kattolika fil-Parroċċa ta’ Ħal Balzan. Kien f’Lulju tas-sena Mqaddsa 1950 li l-Kappillan Dun Karm Lia ħaseb biex iwaqqaf il-Fergħa tax-Xebbiet ta’ din l-Għaqda bl-isem ta’ Ċirkolu “Mater Salvatoris”. Dawn ghall-ewwel bdew jiltaqgħu fil-knisja l-qadima tas-Salvatur u aktar tard fil-Knisja ta’ Santa Marija. L-ewwel Assistant Ekklesjastiku kien Dun Salv Agius u warajh Dun Lawrenz Lia. Miss Melita Sammut kienet l-ewwel President. F’Ħal Lija kien hawn ukoll ic-Ċirkolu tal-Ġuvintur, li l-Assitent Ekklesjastiku tiegħu kien Dun Anton Ebejer.

  L-għan ewlieni ta’ l-Azzjoni Kattolika huwa l-formazzjoni spiritwali tal-membri. Dawn huma mħeġġa biex jgħixu l-ewwelnett ħajja ta’ talb, ħielsa kemm jista’ jkun minn dak li jbiegħed minn Alla, ħajja ta’ mħabba lejn Ġesu’ fl’Ewkaristija u lejn il-proxxmu, għatxana li jagħrfu dejjem aktar lil Alla u jwassluh lil ħaddieħor.

  Biex jintlaħaq dan l-iskop id-Direttorju Generali li jiltaqa’ fl’Istitut Kattolika, jipprovdi skemi ta’ lezzjonijiet u għajnuna oħra permezz tar-Rivista “Il-Ħuġġieġa”. Kull xahar il-membri jkollhom irtir, li għalih jkun mistieden kulħadd, u kull gimgħa jiltaqgħu flimkien fiċ-Ċirkolu tagħhom f’numru 3, Triq il-Knisja.

  Billi, kif jgħid San Ġorg Preca, it-tagħlim hu l-għajn ta’ kull ġid, il-laqgħa tikkonsisti f’riflessjonijiet fuq siltiet mill-Bibbja, u l-lezzjoni li jkun imiss. Din tkun immexxijja mill-Assistant Ekklesjatiku, Mons. Ġużeppi Fenech.

  Din l-attivita` spiritwali tmexxina biex bil-għajnuna ta’ Alla nkunu wkoll nies ta’ azzjoni. L-ewwelnett aħna dejjem lesti biex nagħtu l-għajnuna tagħna f’dak li jitlob minna l-Kappillan, kif ukoll biex naħdmu f’komunjoni mal-għaqdiet l-oħra tal-Parroċċa speċjalment fil-Kummissjonijiet tal-Liturġija, tad-Djakonija u tal-Kateketika.

  Il-membri jagħtu żjarat regolari lill-morda fi djarhom jew fid-Djar ta’ l-Anzjani u joffru kull għajnuna meta jigu mitluba. Ħidma oħra għall-qalb tal-membri hija l-ħidma għall-Missjoni. Iqassmu  kull xahar ir-Rivista “Malta Missjunarja” u jorganiżżaw il-Ġurnata Missjunarja li ssir f’Ottubru ta’ kull sena.

  Jidher li l-membri li jattendu l-Azzjoni Kattolika jinteressaw ruħhom ħafna fit-tagħlim u huma dejjem ħerqana biex iwettqu bil-ferh il-ħidma li kull gimgħa tiġi assenjata lilhom jew li joffru ruħhom għaliha.Jiena ċerta li f’Ħal Lija hawn iżjed nisa u xebbiet li jistgħu jagħtu sehemhom f’dan l-apostolat. Min jaf forsi ‘l quddiem għad jinfetah iċ-Ċirkolu ta’ l-Irgiel u taz-zgħazagħ, bħal ma hemm f’parroċċi oħra.

  Aħna niltaqgħu kull nhar ta’ Tnejn u l-laqgħa ddum madwar siegħa. Fis-sajf il-ħin ikun fis-7.00 p.m. u fix-xitwa fil-5.00 p.m.

  Fl-Azzjoni Kattolika hemm post għal kulħadd.

Maria Dolores Fenech   

 

 

 

Ix-Xahar ta’ Lulju fl-Imgħoddi ...

 

  Ix-xahar ta’ Lulju, għalkemm għalina n-nies ta’ Ħal Lija, ma jkollna l-ebda festa ta’ importanza, jġib miegħu ħafna ħidma ta’ tħejjija għall-Festa tas-Salvatur. Illum, il-Kumitat tal-Festi ta’ Barra jkun ilu diġa xi xahrejn li beda jarma, l-iżjed billi jdendel mal-ħitan il-fili ta l-elettriku, billi dawn, minn xi tletin sena ‘l hawn, inxtraw mill-istess Kumitat. Qabel dan ix-xogħol kien jingħata bl-offerta lil xi kuntrattur.

 

     L-ARMAR FIT-TOROQ

  Tista’ tgħid li dak iż-żmien it-toroq ewlenin li kien isir xi armar fihom kont tgħoddhom fuq ponot subgħajk:  Dawn kienu Triq il-Kbira, mill-Palazz l-Aħmar sal-Misraħ, fejn hemm l-istatwa ta’ San Ġużepp, Triq il-Forn, Triq Sant’ Andrija, Triq Preziosi, Triq Merino u Triq Annibale Preca.  Fit-toroq l-oħra kienu jiddendlu mal-ħajt xi brazzi tal-ħadid bit-tazzi taż-żejt, li jinxtegħlu lejliet u nhar il-Festa.  Fuq iz-zuntier, fuq in-naħa ta’ wara l-Knisja, għadhom jidhru mal-ħajt xi ħoloq tal-ħadid, li magħhom kienu jiddendlu dawn il-brazzi.

  Fis-sitta ta’ Lulju, bħalma għadu jsir illum, kienu jitellgħu il-bandieri ma’ l-arbli biex iħabbru li xahar ieħor tkun il-Festa.

 

     IT-TFAL JIFIRĦU BIL-FESTA

  Fil-15 ta’ Lulju kienet tispiċċa l-iskola elementarja. Billi t-tfal subien kienu jkunu diġa xi ftit imħeġġin bil-Festa, fl-aħħar jum ta’ l-iskola, huma u sejrin id-dar, kienu jorganizzaw bħal marċ billi jdoqqu b’xi biċċa njama ma xi għatu tal-landa, waqt li jkantaw xi innu tas-Salvatur. Kienu jagħmlu għors sħiħ, li jqajjem fihom iżjed l-ispirtu tal-Festa.

  L-armar ta’ barra kien jibda fis-16 ta’ Lulju, nhar il-Festa tal-Madonna tal-Karmnu.  Kienu jġibu fuq iz-zuntier iż-żewġ arbli l-kbar mill-Knisja l-Qadima tas-Salvatur, fejn kienu jintrefgħu, u bil-għajnuna ta’ ħafna rġiel, itellgħuhom f’posthom. Għal xi snin dawn ma baqgħux jintramaw, iżda s-sagristan Ninu Cutajar kien sab mezz biex jitilgħu b’inqas tbatija, permezz ta’ tarjola. U b’riħet hekk baqgħu jintramaw sal-lum.

  Niftakar li dawn il-parandri l-kbar kienu jinxtegħlu biż-żejt.  Permezz ta’ sellum li n-naħa ta’ fuq tiegħu kien jispiċċa fid-djuq, kienu jitilgħu xi rġiel iwaħħlu mijiet ta’ tazzi ta’ kull kulur mal-brazzi tal-ħadid u kienu jinxtegħlu biss f' lejliet il-Festa. Meta tiftakar li anke l-faċċata tal-Knisja, qabel l-1932, kienet tinxtegħel ukoll b’dawn it-tazzi, wieħed jista’ jġib quddiem għajnejh ix-xena sabiħa li kien ikun hemm, speċjalment meta jkun temp tajjeb u mhux bir-riħ.

 

     FIERA FUQ IZ-ZUNTIER

  Qabel il-Festa kienet issir fiera fuq iz-zuntier u fit-triq ta’ quddiem il-Knisja, qabel ma nfetħet il-Pjazza tal-lum. Għal din il-Fiera kienu jattendu ħafna nies. Għat-tfal kien ikun hemm logħba li konna nsejħulha ‘s-sajda’ u kienet tintlagħab f’rokna, parti mid-dar ta’ quddiem il-knisja. Xi ħadd kien ikollu qażba f’idu b’borża taċ-ċaruta mdendla bi spaga magħha. Konna nagħtuh sold, jixħtu fil-borża u jitfagħha wara purtiera. Hemmhekk ikun hemm xi ħadd li jieħu s-sold u floku jqiegħed xi ħaġa tal-logħob. Tittella’ l-qażba u min ikun ta s-sold jiġbor  il-premju li jsib.

  F’din il-fiera kien ikun hemm minn kollox, oġġetti għall-kċina, fniek, settijiet ta’ kikkri, ġugarelli, xi biċċa drapp u ħwejjeġ oħra. Għadek issib min jurik xi kikkra u plattina u jgħidlek li dik kien rebagħha mill-fiera tal-Kappillan.

 

     TIBDA N-NOVENA

  Fis-27 tax-xahar kienu jerġgħu jitellgħu il-bandieri, billi dakinhar kienet tibda n-Novena u joħorġu l-istatwa tas-Salvatur min-niċċa tagħha. Fis-sitta ta’ fil-għaxija kulħadd kien jinġabar il-Knisja, fejn konna naraw lis-sagristan Karmnu Muscat jiftaħ in-niċċa tas-Salvatur.

  In-niċċa kienet tinfetaħ billi l-faċċata tagħha tintrefa’ ‘l fuq b’ħabel minn xi ħadd li kien ikun fuq iċ-ċinta, fejn għadha tidher it-toqba li minnha kien jgħaddi dan il-ħabel.

  Il-vara mbagħad kienet titwassal sa fuq il-bankun fost il-ferħ ta’ kulħadd. Imbagħad kulħadd kien joħroġ fuq iz-zuntier, fejn kienu jiġu sparati l-maskli u jtellgħu xi murtali. Dak il-ħin kienet iddoqq mota solenni, li kienet tħabbar li ser tibda n-Novena tal-Festa. Dak iż-żmien għal din il-mota ma kellniex wisq biex indoqqu, iżda meta fl-1947 il-Kappillan Dun Karm Lia kien xtara s-sett tal-qniepen ġodda mill-Ingilterra, minn dik is-sena ‘l quddiem din il-mota kienet tkun mistennija minn kulħadd.

  Ix-xahar ta’ Lulju kien ikompli billi jinġarr l-armar fit-toroq fejn kellu jintrama. Dakinhar, għalkemm kienu anzjani, kienu jitilgħu jdoqqu nies esperti, li mingħajr ma jsabbtuhom, il-qniepen kienu jinstemgħu qishom orgni kbir ta’ knisja. Imbagħad kellna biex niftaħru.   

  Il-każini kienu jarmaw it-toroq tagħhom. It-tfal kienu jgħinu wkoll, speċjalment lill-Kappillan, li kellu jarma t-triq ta’ quddiem il-Knisja. Kienet tkun imħabbta ħafna l-ħmara ta’ Grezz ta’ Selmu, billi kienet iġġorr ħafna minn dan l-armar.

 

     FESTI SPEĊJALI

  Fl-1932 kien sar iċ-Ċentinarju tat-Trasfigurazzjoni, billi Ġesù kien tbiddel quddiem l-Appostli ftit qabel ma miet. Din is-sena kien sar tiżjin speċjali u l-faċċata tal-knisja kienet inxtegħlet għall-ewwel darba kif tinxtegħel illum. Niftakar li xi toroq kienu saqqfuhom b’disinji tal-karti. Dawn kienu parti minn Triq il-Kbira, bejn il-knisja u Triq Sant’ Andrija, u l-istess Triq Sant’ Andrija, billi dik is-sena il-purċissjoni kienet għaddiet mid-dawra l-kbira.

  Dak iż-żmien il-quddiesa tan-Novena kienet issir fis-sitta ta’ filgħodu. Fil-għaxija imbagħad kien jingħad ir-Rużarju, tingħad il-Kwindiċina tal-festa ta’ Santa Marija, titkanta s-Salve Regina u l-Litanija tal-Madonna. Fl-aħħar jitkantaw l-Innu u l-Antifona tas-Salvatur u tingħata l-barka sagramentali.

  Ta’ kull sena, f’ wieħed mill-Ħdud ta’ Lulju, kienet issir ġabra fil-bibien tal-knisja mingħand l-irġiel u kienet tingħata santa tas-Salvatur lil kull min jaghti xi offerta.

  Minn dan li ktibt il-qarrejja jistgħu jieħdu ideja kif Lulju kien minn dejjem ix-xahar ta’ mistennija għall-Festa. Ma rridx ninsa ngħid li missirijietna ma kienux jinsew il-parti spiritwali. Kulħadd kien jagħmel minn kollox biex fil-Festa tas-Salvatur jersaq iqerr u jitqarben. J' Alla nibqgħu nagħmlu bħalhom.

Dun Ġużepp Fenech   

 

:: Lura fil- HOME Page ::                                                                                            Website © 2004-2008 - Parroċċa Ħal Lija